Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa28 April 2014L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi4 min qari

OLAF fl-2013: volum akbar ta' xogħol investigattiv, dewmien iqsar tal-investigazzjonijiet, aktar riżultati għall-kontribwenti fl-UE

28/04/2014

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 06/2014
29 ta' April 2014

PDF version

Fl-2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) irnexxielu jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi madwar l-Ewropa. Iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet taw aktar informazzjoni ta’ interess investigattiv potenzjali minn qatt qabel. L-OLAF ikkonkluda numru rekord ta’ investigazzjonijiet filwaqt li naqqas it-tul tagħhom ġeneralment u ħareġ aktar rakkomandazzjonijiet milli f’dawn l-aħħar ħames snin. L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ EUR 402.8 miljun għall-baġit tal-UE, li se jgħinu biex jiġu ffinanzjati proġetti oħra u jitnaqqas il-piż fuq il-kontribwenti fl-UE. Dawn ir-riżultati eċċellenti juru li l-OLAF qiegħed isir uffiċċju dejjem aktar effiċjenti, u jaħdem għaċ-ċittadini Ewropej.

“Fl-2013, irnexxielna nimmodernizzaw l-OLAF u b’hekk sar Uffiċċju dejjem aktar profiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-UE. Ir-riorganizzazzjoni tas-sena li għaddiet wasslet għal riżultati promettenti u ippermettitilna li nkabbru l-isforzi investigattivi tagħna, biex nikkontribwixxu għal dokumenti leġiżlattivi ewlenin u biex napprofondixxu l-kooperazzjoni mal-imsieħba operattivi tagħna. Dan sar b’virtwalment l-istess riżorsi bħal fis-snin preċedenti li jixhed l-impenn u l-professjonaliżmu tal-persunal tagħna”,   qal id-Direttur-Ġenerali Giovanni Kessler fil-konferenza stampa annwali fejn ġie ppreżentat ir-rapport tal-OLAF 2013.

Huwa u jitkellem dwar il-prospetti għall-2014, żied jgħid: "l-OLAF ġie msaħħaħ permezz tad-dħul fis-seħħ ta' Regolament ġdid tal-OLAF u bl-adozzjoni ta’ Linji Gwida ġodda dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-persunal tal-OLAF. Aħna ħerqana li nkomplu x-xogħol investigattiv tajjeb tagħna u biex nixprunaw aktar il-politika ta’ kontra l-frodi. Element ewlieni tal-viżjoni tagħna għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE huwa l-appoġġ attiv tagħna għall-pjanijiet tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit Uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew."

Aspetti ewlenin tar-riżultati tal-OLAF fl-2013

  • L-OLAF irċieva l-ogħla numru ta’ informazzjoni ta' interess potenzjalment investigattiv sa mill-ħolqien tiegħu, 1294 element. B’paragun, dan ifisser li fl-2013, l-Uffiċċju rċieva 35% aktar informazzjoni minn ħames snin ilu, li jirrifletti li qed tkompli l-attenzjoni taċ-ċittadini tal-UE, l-istituzzjonijiet u msieħba oħra dwar kwistjonijiet ta’ frodi. Dan il-fluss ogħla ta’ informazzjoni juri aktar fiduċja fil-kapaċitajiet investigattivi tal-OLAF.
  • Minkejja l-volum akbar tal-informazzjoni li dieħla, l-OLAF irnexxielu jkompli jivvaluta din l-informazzjoni fi żmien qasir - medja ta’ 1.8 xhur - qabel ma jiddeċiedi jekk ikomplix bil-każ jew le. Matul l-aħħar sentejn, l-OLAF naqqas it-tul ta’ din il-fażi tal-għażla b’aktar minn 70%, li hija kisba sinifikanti.
  • L-OLAF fetaħ għadd kbir ta’ investigazzjonijiet, 253. Dan jindika żieda ta’ aktar minn 58% meta mqabbel mal-2009.
  • Ġew konklużi wkoll 293 investigazzjoni fl-2013. It-tul medju ta’ investigazzjoni naqas għal 21.8 xhur, sinjal ċar li l-OLAF kompla jtejjeb l-effiċjenza tiegħu. Dan hu l-iqsar tul medju tal-investigazzjonijiet f’aktar minn ħames snin. Bit-twettiq ta' investigazzjonijiet b’mod aktar effiċjenti u fi żmien iqsar, tiżdied il-possibiltà li l-każijiet tal-OLAF iwasslu għal riżultati tanġibbli fil-prattika.
  • L-OLAF ħareġ 353 rakkomandazzjoni għal segwitu finanzjarju, ġudizzjarju, amministrattiv u dixxiplinari mill-awtoritajiet kompetenti. Dan huwa 81% aktar meta mqabbel mal-2009.
  • Fl-2013, l-OLAF irrakkomanda wkoll ammont ogħla ta’ rkupri għall-baġit tal-UE, EUR 402.8 miljun.

Kontribuzzjoni tal-OLAF għall-politiki ewlenin kontra l-frodi

Fl-2013, l-OLAF għen lill-Kummissjoni Ewropea bl-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni kontra l-frodi. L-Uffiċċju kkontribwixxa input tekniku sostanzjali għall-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) ta’ Lulju. Din l-inizjattiva se tgħin tiżgura li l-frodi kontra l-baġit tal-UE tiġi mħarrka b’mod konsistenti madwar l-Ewropa u li dawk li jwettqu l-frodi jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Billi l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk iċaħħad l-UE u l-baġits tal-Istati Membri minn riżorsi konsiderevoli kull sena, l-OLAF kompla jagħti prijorità lilll-ġlieda kontra dan il-fenomenu ta’ ħsara matul is-sena.

Minħabba li l-każijiet ta’ frodi kumplessi ta’ dimensjoni transfruntiera jew internazzjonali huma dejjem aktar frekwenti, fl- 2013 l-OLAF wessa’ l-firxa tiegħu. L-Uffiċċju kkonkluda sensiela ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab fl-Ewropa u lil hinn minnha. Dawn is-sħubijiet se jikkontribwixxu għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE, għall-benefiċċju tal-kontribwenti fl-UE.

To read the full report, please click here (in English only)

OLAF
Il-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) għandha tliet aspetti: tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea billi tinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali; tikxef u tinvestiga kwistjonijiet serji marbutin mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali minn membri u persunal tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jistgħu jwasslu għal proċedimenti dixxiplinari jew kriminali; u tappoġġa l-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ta' kontra l-frodi.

Għal aktar dettalji:
Alina BUREA
Kelliema
Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefown: +32 2 295 73 36
E-mail: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti_fraud

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
28 April 2014
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release