Skip to main content
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa6 Ġunju 2018L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

OLAF fl-2017: investigazzjonijiet kbar iwaqqfu skemi ta' frodi kumplessi

06/06/2018

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 05/2018

PDF version (207.04 KB)

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għalaq investigazzjonijiet fuq skala kbira fl-2017, u wera għal darba oħra l-kapaċità tiegħu li jidentifika u jinvestiga skemi ta' frodi kumplessi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. L-investigazzjonijiet tal-OLAF varjaw minn każijiet ta' frodi ta' sottovalutazzjoni maġġuri fejn il-frodaturi għamlu qligħ billi ddikjaraw valuri falzament baxxi għal prodotti għall-importazzjoni fl-UE, għal każijiet fejn l-OLAF ħadha ma' organizzazzjonijiet kriminali li kienu qed jiffrodaw fondi destinati għall-agrikoltura, jew każijiet fejn l-investigaturi skoprew frodi fi proġetti infrastrutturali kbar. Ix-xejriet fl-investigazzjoni kontra l-frodi, kif ukoll każijiet u operazzjonijiet speċifiċi mmexxija mill-OLAF huma ppreżentati fir-Rapport Annwali ppubblikat illum.  

Fil-konferenza stampa li nediet ir-Rapport, l-Aġent Direttur Ġenerali, Nicholas Ilett, qal li "il-prestazzjoni investigattiva tagħna fl-2017 turi li xogħolna huwa essenzjali għall-protezzjoni ta' flus il-kontribwenti tal-UE u għall-iżgurar li l-fondi tal-UE ma jikkontribwux għall-frodi u l-korruzzjoni minflok ma jiffinanzjaw proġetti li jistgħu jġibu valur miżjud reali għaċ-ċittadini."

Il-prestazzjoni investigattiva tal-OLAF fl-2017 f'numri:

  • L-OLAF ikkonkluda 197 investigazzjoni, ħareġ 309 rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti.
  • L-OLAF irrakomanda l-irkupru ta' 'l fuq minn EUR 3 biljun għall-baġit tal-UE. Din iċ-ċifra eċċezzjonalment għolja ġejja minn każijiet ta' frodi ta' sottovalutazzjoni maġġuri mill-OLAF tul is-sena.
  • L-OLAF fetaħ 215-il investigazzjoni ġdida, wara 1111-il analiżi preliminari li saru mill-esperti tal-OLAF.
  • Fin-nuqqas ta' żidiet fil-persunal u minkejja l-kumplessità tal-każijiet li ttratta, l-OLAF irnexxielu jkompli jnaqqas it-tul tal-investigazzjonijiet tiegħu għal 17.6 xahar kumplessivament.

Xejriet fl-investigazzjonijiet ta' kontra l-frodi:

Id-dimensjoni transnazzjonali ta' xogħlu tippermetti lill-OLAF jifforma perspettiva unika tal-istampa tan-natura dejjem tinbidel tal-frodi madwar l-Ewropa. Għat-tieni sena konsekuttiva, l-OLAF ippreżenta f'dan ir-Rapport analiżi ta' xi wħud mill-aktar xejriet evidenti żvelati mill-investigazzjonijiet tal-OLAF:

  • Il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interess u l-manipulazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratt għadhom komuni fil-każijiet ta' frodi li jolqtu l-fondi strutturali tal-UE, b'xi istanzi fejn jippruvaw jagħmlu qligħ organizzazzjonijiet kriminali;
  • Il-frodaturi ppruvaw dejjem iżjed jiffrodaw fondi destinati għar-riċerka jew għall-kriżi tar-refuġjati;
  • L-evażjoni tad-dazji doganali hija orkestrata permezz ta' skemi kriminali transnazzjonali.

Ir-rwol uniku tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-frodi fuq l-introjtu permezz ta' investigazzjonijiet globali:

F'dan ir-Rapport, l-OLAF qed jippreżenta ħarsa ġenerali dettaljata tal-attivitajiet tiegħu bl-għan li jħares l-introjtu tal-UE, bil-konklużjoni ta' għadd ta' investigazzjonijiet f'dan il-qasam fl-2017. Fil-fatt, kull diskrepanza fix-xena leġiżlattiva jew fil-kapaċità operattiva tal-amministrazzjonijiet doganali biex jiffunzjonaw b'mod transfruntiera tiġi sfruttata malajr mill-organizzazzjonijiet kriminali. F'dan il-kuntest, minħabba l-kapaċità tiegħu li jopera transnazzjonalment u li jiġbor u jaqsam l-informazzjoni malajr, l-OLAF għandu rwol kruċjali fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-frodi fuq l-introjtu, kif ukoll fl-għoti ta' assistenza lill-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali fix-xogħol iebes tagħhom.

Kontribuzzjoni għall-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi:

L-OLAF ikun regolarment fuq quddiem fin-negozjati ta' testi leġiżlattivi li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Id-deċiżjoni li jinħoloq Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-2017 kienet stadju importanti fid-difiża tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. L-OLAF ħadem bla heda biex jappoġġa dan il-proġett għal aktar minn deċennju, u se jkompli jaħdem flimkien mal-UPPE biex jiżgura li flus il-kontribwenti jkunu mħarsa b'mod effikaċi mill-frodi u l-korruzzjoni.

Biex taqra r-rapport sħiħ, jekk jogħġbok agħfas hawnhekk.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF:
Il-missjoni tal-OLAF hija li tidentifika, tinvestiga u twaqqaf il-frodi tal-fondi tal-UE.

L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
• iwettaq investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni involuti fil-fondi tal-UE, biex ikun żgurat li l-flus kollha tal-kontribwenti jilħqu proġetti bil-potenzjal li joħolqu impjiegi u tkabbir fl-Ewropa;
• jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE billi jinvestiga kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u l-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
• jiżviluppa politika soda tal-UE kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista' jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, il-korruzzjoni u reati oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE dwar:
• l-infiq kollu tal-UE: il-kategoriji ewlenin tal-infiq huma l-Fondi Strutturali, il-politika agrikola u l-fondi tal-iżvilupp rurali, infiq dirett u għajnuna esterna;
• xi oqsma tal-introjtu tal-UE, l-iktar id-dazji doganali;
• suspetti ta' kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u l-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Għal aktar dettalji:

Alina BUREA
Kelliema
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefown: +32(0)2 29-57336
Email: olaf-media@ec.europa.eu
http://ec.europa.eu/anti-fraud
Twitter: @OLAFPress

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 Ġunju 2018
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
OLAF press release