STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 7/2022
PDF version
Fl-2021 l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) irrakkomanda li jiġu rkuprati aktar minn nofs biljun euro għall-baġit tal-UE. Billi jidentifika u jinvestiga l-frodaturi, li kulma jmur qed isiru aktar adattabbli, u jaħdem fuq il-prevenzjoni tal-frodi kontra l-Faċilità tal-UE ta’ bosta biljuni għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-OLAF kompla jipproteġi l-baġit tal-UE minkejja l-isfidi kontinwi ppreżentati mill-pandemija.
Ir-rapport tal-OLAF tal-2021 ippubblikat illum jiżvela xejriet emerġenti ta’ frodi f'firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, kif ukoll investigazzjonijiet u operazzjonijiet b’enfasi speċjali fuq pjanijiet ta’ frodi li jagħmlu ħsara lill-ambjent – minn proġett ta’ afforestazzjoni li qatt ma seħħ sa akkwedott tal-ilma tax-xorb li kkollassa – kif ukoll frodi sinifikanti fil-qasam tad-dwana u l-kuntrabandu tal-iskart.
F’kummenti dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-OLAF għall-2021, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, Ville Itälä qal: "L-OLAF reġa' kellu riżultati investigattivi eċċellenti s-sena l-oħra, u ta l-kontribuzzjoni tiegħu għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE billi rrakkomanda l-irkupru ta’ aktar minn nofs biljun ewro mitlufa fi frodi u irregolaritajiet.
Il-prevenzjoni hija l-aktar għodda effettiva li għandna, u qiegħda fil-qalba tal-ħidma tal-OLAF u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Minbarra l-investigazzjonijiet tiegħu, fl-2021 l-OLAF ikkontribwixxa għall-iżvilupp ta’ salvagwardji kontra l-frodi li tista' tattakka l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tara aktar minn €720 biljun investiti biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa. Is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, u l-ambjent, kulma jmur qed ikunu vittmi ta' ħsara kollaterali tal-pjanijiet ta' frodi. Kif jindika r-rapport tal-OLAF, dan huwa aktar u aktar rilevanti fid-dawl taż-żieda fil-finanzjament tal-UE allokat għat-tranżizzjoni ekoloġika.
Il-frodaturi komplew jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-COVID-19 – meta kulħadd kien iffukat fuq l-introduzzjoni tal-vaċċin, kxifna t-tentattivi qarrieqa tal-frodaturi meta ppruvaw javviċinaw lill-awtoritajiet nazzjonali b’offerti fittizji ta’ vaċċini b’valur ta’ aktar minn €16-il biljun.
L-2021 kienet sena importanti għall-OLAF ukoll għaxħdimna ħafna fuq it-tħejjija ta’ informazzjoni dettaljata biex tintbagħat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Dan ix-xogħol ta’ detezzjoni huwa importanti għall-UPPE, li fetaħ mill-inqas 85 kawża wara informazzjoni mill-OLAF. Dan kollu żamm lill-ħaddiema tal-OLAF okkupati ħafna. Jien tassew kburi bis-servizz li OLAF jagħti lill-Ewropej.”
Prestazzjoni investigattiva tal-OLAF matul l-2021:
- L-OLAF ikkonkluda 212-il investigazzjoni u ħareġ 294 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti.
- L-OLAF irrakkomanda li jiġi rkuprat ammont ta’ €527.4 miljun għall-baġit tal-UE.
- L-OLAF fetaħ 234 investigazzjoni ġdida, wara li waslulu 1,110 komunikazzjoni li rċevew u analizzaw l-esperti tiegħu.
Il-frodaturi baqgħu jibbenefikaw mill-pandemija u saru saħansitra aktar sofistikati u adattabbli. Dwar in-nefqa, l-aktar fenomenu inkwetanti kien l-infiltrazzjoni minn gruppi kriminali organizzati permezz ta’ mudelli ta’ irregolaritajiet amministrattivi, bħall-finanzjament doppju, il-kunflitt ta’ interess, il-manipulazzjoni tal-offerti, u mezzi oħra.
L-OLAF kompla jinvestiga każijiet ta’ mġiba ħażina u nuqqas ta’ konformità mar-regoli mill-membri u l-persunal tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, u b’dan il-mod ikkontribwixxa biex jiġu promossi l-ogħla standards tas-servizz pubbliku fl-UE.
Fir-rigward tad-dħul, il-frodaturi daru mad-diffikultajiet akbar biex iċaqalqu kwantitajiet kbar ta’ oġġetti billi qasmu l-vjeġġi ta’ oġġetti f’kunsinni iżgħar. Xejriet kumplessi ta’ kumpaniji tal-isem stabbiliti f’ħafna ġuriżdizzjonijiet, anki barra mill-UE, servew biex jostru l-frodi tas-sottovalutazzjoni u dwar l-oriġini. Tfaċċaw skemi ġodda ta’ frodi fir-rigward tal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika, u l-ġestjoni tal-iskart.
Frodi mmirata lejn proġetti ekoloġiċi u diġitalizzazzjoni
Mill-inqas 37 % tal-flus tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE se jmorru biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE. Fl-2021, l-OLAF identifika u investiga każijiet li juru kif il-frodaturi attakkaw ukoll proġetti ekoloġiċi kif ukoll finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, pilastru ieħor tal-finanzjament tan-NextGenerationEU. Dawn il-każijiet u x-xejriet jikkontribwixxu għall-analiżi tal-OLAF u l-investigazzjonijiet futuri, li se jgħinu biex tiġi protetta l-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-futur. Eżempji fir-rapport tal-OLAF tal-2021 jinkludu każijiet ta’ frodi kontra l-finanzjament għal proġetti ta’ software, alternattivi għal pestiċidi, foresti, u inġenji tal-ajru aktar ekoloġiċi. Il-kuntrabandu bejn il-fruntieri jista’ wkoll ikollu impatt negattiv fuq l-ambizzjonijiet ekoloġiċi tal-Ewropa: kif juri r-rapport, l-OLAF kien attiv kontra t-traffikar tal-iskart, il-kuntrabandu ta’ gassijiet refriġeranti illegali, u l-pestiċidi illegali.
Prevenzjoni tal-frodi u l-protezzjoni tal-flus ta’ rkupru tal-UE
Il-prevenzjoni ta’ telf fid-dħul u l-prevenzjoni tal-frodi fl-infiq huma l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat li kull ewro jintuża sew. Fis-sena li għaddiet, l-OLAF kompla jiffoka wkoll fuq il-prevenzjoni. Wieħed mill-każijiet ippreżentati fir-rapport tal-OLAF tal-2021 juri kif l-investigaturi tal-OLAF kixfu użu ħażin potenzjali ta’ mhux inqas minn €330 miljun – u rrakkomanda li dan jitwaqqaf qabel ma jkun jista’ jseħħ. L-esperti tal-prevenzjoni tal-frodi tal-OLAF ħadmu wkoll fuq il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2021. Task force apposta fliet il-pjanijiet nazzjonali biex tara kellhomx miżuri adegwati għall-prevenzjoni tal-frodi u rrappurtat direttament lill-kollegi fil-Kummissjoni Ewropea li kienu responsabbli mill-approvazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tas-27 Stat Membru tal-UE.
Offerti foloz ta’ vaċċini kontra l-COVID-19
Fi Frar 2021, l-OLAF ħareġ twissija pubblika ċara kontra qerq possibbli relatat mal-vaċċini kontra l-COVID-19. L-OLAF kien qed jirċievi informazzjoni minn sorsi mill-gvernijiet fl-Istati Membri tal-UE dwar offerti minn intermedjarji allegati biex ibigħu kwantitajiet kbar ta’ vaċċini, l-aktar tat-tip approvat għall-użu fl-UE. L-għan tal-frodaturi – kif stabbilixxa l-OLAF – kien li jikkonvinċu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu pagamenti parzjali kbar biex jiżguraw il-bejgħ, u li mbagħad jitilqu bil-flus. Dawn it-tentattivi differenti kollha ta’ qerq irrappreżentaw kważi 1.2 biljun doża ta’ vaċċin għal prezz mitlub ta’ aktar minn €16.4 biljun. L-intervent tal-OLAF għen fil-kxif ta’ dawn l-offerti foloz, u b'hekk ipprevjena telf kbir għall-finanzi pubbliċi u ġiet protetta l-introduzzjoni tal-vaċċini.
Kuntrabandu tat-tabakk
Il-prodotti tat-tabakk jirrappreżentaw sehem kbir mill-merkanzija b'kuntrabandu jew kontrafatta li l-OLAF jittratta kull sena. L-2021 ma kinitx differenti: l-OLAF u s-sħab tiegħu waqqfu total ta’ 437 miljun sigarett illegali milli jidħlu fis-suq tal-UE. L-ammont huwa magħmul minn 93 miljun sigarett li ddaħħlu fl-UE bil-kuntrabandu fl-UE; 253 miljun sigarett issekwestrati barra mill-fruntieri tagħha; u 91 miljun sigarett prodotti illegalment f’siti madwar l-UE. L-OLAF għen ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonfiskaw total ta’ 372 tunnellata tabakk mhux maħdum. Huwa stmat li dawn l-azzjonijiet iffrankaw lill-Istati Membri tal-UE €90 miljun fi dħul mitluf.
Biex taqra r-rapport sħiħ, jekk jogħġbok agħfas hawnhekk.
Missjoni, mandat u kompetenzi tal-OLAF:
Il-missjoni tal-OLAF hija d-detezzjoni, l-investigazzjoni u t-twaqqif tal-frodi relatata mal-fondi tal-Unjoni.
L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
- jagħmel investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu fondi tal-UE, biex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti tal-UE jaslu lill-proġetti li jistgħu joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;
- jikkontribwixxi biex il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE tissaħħaħ permezz tal-investigazzjoni ta’ mġiba ħażina mill-persunal tal-UE u mill-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
- jiżviluppa politika tal-UE soda kontra l-frodi.
Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma' reati oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’:
- in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji ewlenin tan-nefqa huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
- xi oqsma ta’ dħul tal-UE, l-aktar id-dazji doganali;
- suspetti ta’ mġiba ħażina serja mill-persunal tal-UE u minn membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE.
Ladarba l-OLAF jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-UE, jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jeżaminaw u jiddeċiedu x’azzjoni tittieħed fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-persuni kkonċernati kollha jitqiesu innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja f’qorti tal-ġustizzja nazzjonali jew tal-UE kompetenti.
Għal aktar dettalji:
Jana CAPPELLO
Kelliema
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-85549
Posta elettronika: olaf-mediaec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti-fraud
Twitter: @EUAntiFraud
Eirini NIKOLAIDOU
Viċi Kelliema
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-83128
Posta elettronika: olaf-mediaec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti-fraud
Twitter: @EUAntiFraud
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Ġunju 2022
- Awtur
- L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
- News type
- OLAF press release