Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa23 Mejju 2013L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi3 min qari

Ir-Rapport tal-OLAF għall-2012

23/05/2013

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 2/2013
23 ta' Mejju 2013

Proċeduri investigattivi ġodda jagħmlu lill-OLAF aktar effiċjenti

It-tlettax ir-Rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), ippubblikat illum, jippreżenta l-attivitajiet tal-OLAF fl-2012.
Matul is-sena, l-OLAF saħħaħ il-funzjoni investigattiva tiegħu u kiseb riżultati sinifikanti. L-investigazzjonijiet tal-OLAF saru aktar effiċjenti u d-dewmien medju ġenerali tal-każijiet tal-OLAF naqas b'seba' xhur, minn 29,1 xahar fl-2011 għal 22,6 fl-2012. B'mod partikolari, il-fażi tal-għażla ta' każijiet ġodda tnaqqset b'mod sinifikanti, minn 6,8 xhur għal 1,4 fl-aħħar tas-sena. Dan it-titjib jippermettu lill-OLAF biex jieħu ħsieb aħjar l-ammont ta' xogħol tiegħu, peress li l-volum tal-informazzjoni li jirċievi l-OLAF kien qed jiżdied b'rata konsistenti. Fl-2012 l-OLAF ipproċessa wkoll aktar każijiet minn qatt qabel: 465 każ ingħalqu meta mqabbla mal-208 tas-sena ta' qabel. Dawn il-każijiet irriżultaw f'rakkomandazzjonijiet biex jiġu rkuprati EUR 284 miljun.

"Fl-2012, l-OLAF żamm il-livell għoli fil-ġlieda kontra l-frodi u żamm il-politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni. Ir-riżultati eċċellenti ppreżentati fir-Rapport juru l-impenn tal-OLAF għal investigazzjonijiet effiċjenti u ta' kwalità għolja. Biex jinkiseb l-impatt sħiħ fil-ġlieda tagħna kontra l-frodi, hija essenzjali l-kooperazzjoni tal-imsieħba tagħna u tal-Istati Membri. Azzjonijiet rapidi u deċisivi huma kruċjali għall-irkupru tal-flus tal-UE użati ħażin u biex l-awturi tal-krimini jinġabu quddiem il-ġustizzja" qal Giovanni Kessler, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF.

Punti ewlenin tar-Rapport:

  • Fl-2012, id-dewmien f'każijiet ta' investigazzjoni u ta' koordinazzjoni naqas drastikament, u laħaq medja ta' 22,6 xahar inkluża l-fażi tal-għażla, jiġifieri tnaqqis ta' 22% mill-2011;
  • Id-dewmien medju tal-fażi tal-għażla tal-każ tnaqqas minn 6,8 xhur għal 1,4, tnaqqis ta' 80% meta mqabbel mal-2011. Permezz ta' proċeduri  ta' għażla ġodda u aħjar, l-OLAF jista' jiddeċiedi aktar malajr jekk ma jiftaħx każ jew le;
  • Bħala riżultat tal-investigazzjonijiet tiegħu, l-OLAF għamel rakkomandazzjonijiet finanzjarji għall-irkupru ta' EUR 284 miljun. Fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Rapport, l-ammont irrapportat bħala rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti fl-2012 kien ta' EUR 94.5 miljun;
  • L-OLAF irċieva u ħa ħsieb volum miżjud ta' informazzjoni: 1264-il suġġett fl-2012, 21% aktar mill-2011. Filwaqt li tali informazzjoni tiġi prinċipalment minn sorsi privati, l-għadd ta' suġġetti rċevuti mill-Istati Membri rdoppja, li juri li l-fiduċja fl-OLAF tqawwiet.

Il-kisbiet tal-2012 kienu r-riżultat ta' reġistrazzjoni interna kbira flimkien mal-introduzzjoni ta' proċeduri investigattivi u prassi ta' ħidma ġodda. Dawn il-bidliet isaħħu l-kapaċità investigattiva u tat-tfassil ta' politika tal-OLAF. Dawn ikkontribwixxew ukoll għat-tqassim intern aktar ċar tar-responsabbiltajiet u naqqsu l-ispejjeż ġenerali, biex b'hekk  l-OLAF saret aktar effiċjenti b'mod ġenerali.

Matul is-sena, l-OLAF baqa' jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta' politiki u leġislazzjoni għal kontra l-frodi.
Fil-qafas tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Kontra l-Frodi, l-OLAF ħadem mill-qrib ma' servizzi oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea biex itejjeb l-iżvelar u l-prevenzjoni tal-frodi. L-OLAF żviluppa aktar ukoll il-kooperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

F'isem il-Kummissjoni Ewropea, l-OLAF rrappreżenta b'suċċess lill-Unjoni Ewropea fil-proċess kollu ta' negozjar għall-Protokoll biex Jiġi Eliminat il-Kummerċ Illegali fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Flimkien mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, l-OLAF ħejja proposta leġislattiva dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-proposta hija ppjanata għall-adozzjoni fl-2013. Din tfittex li ssaħħaħ l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' frodi kontra l-baġit tal-UE.

Sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali tal-firxa tal-attivitajiet tal-OLAF fl-2012 f'setturi differenti, ir-Rapport jinkludi bosta każistiċi.

OLAF
Il-missjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) tinqasam fi tlieta: jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea billi jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra; jikxef u jinvestiga kwistjonijiet serji marbuta mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali minn membri u persunal u korpi tal-istituzzjonijiet tal-UE li jistgħu jwasslu għal proċedimenti dixxiplinarji jew kriminali; u jappoġġa l-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni u politiki ta' kontra l-frodi.

Għal aktar dettalji:
Alina BUREA
Kelliem
Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32 2 295 73 36
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti_fraud

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
23 Mejju 2013
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release