Ġew identifikati xi inċidenti ta’ frodi u attentati ta’ phishing bl-użu ta’ messaġġi, ittri u telefonati qarrieqa li allegatament kienu ġejjin mill-OLAF.
Il-frodaturi u l-iscammers ġeneralment jużaw il-logo tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-OLAF u l-identità tal-membri tal-istaff tal-OLAF, biex b’hekk jidhru konvinċenti. Ta’ spiss joffru li jittrasferixxu l-flus bil-kundizzjoni li tħallas tariffa u tipprovdi d-data finanzjarja u personali tiegħek. F’ħafna każijiet, jekk kont vittma ta’ frodi fil-passat, l-istess scammers iżommu r-rekords tad-dettalji ta’ kuntatt tiegħek u l-ammont eżatt li jkunu ffrodaw. Jistgħu jerġgħu jikkuntattjawk u jippretendu li jkunu mill-OLAF biex joffru li jirkupraw l-ammont eżatt li tlift fl-ewwel qerq. Il-fatt li jikkwotaw iċ-ċifra eżatta li tlift jaf ikun kredibbli u konvinċenti ħafna, iżda fir-realtà, din tkun frodi oħra.
Jekk inti, bħala ċittadin privat, tirċievi talba bħal din li allegatament tkun ġejja mill-OLAF jew wieħed mill-membri tal-istaff tiegħu, din tkun scam minħabba li l-OLAF QATT ma joffri jew jitlob trasferimenti ta’ flus liċ-ċittadini jew mingħandhom, u lanqas ma jirkupra flus li tkun tlift fi scam preċedenti.. L-OLAF jinvestiga l-frodi li taffettwa l-baġit tal-UE, u suspetti ta’ mġiba ħażina mill-istaff tal-UE.
Jekk jogħġbok tweġibx jew twettaq l-ebda waħda mill-azzjonijiet li jinsabu fil-korrispondenza. Tista’ tikkunsidra li tirrapporta kwalunkwe tentattiv ta’ frodi u/jew phishing lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għar-reati u/jew iċ-ċiberkriminalità ta’ pajjiżek. L-OLAF ma jinvestigax scams relatati mal-kriptovaluti jew mal-finanzi personali.
Indikaturi operatorji oħra li korrispondenza hija qarrieqa huma l-użu ta’ kontijiet bankarji suspettużi, logos mhux preċiżi, indirizz tal-email żbaljat u/jew indirizz tas-sit web falz. L-emails ġenwini kollha tal-OLAF jispiċċaw b’@ec.europa.eu. L-indirizz korrett tas-sit web tal-OLAF huwa https://anti-fraud.ec.europa.eu/index_en. Jekk jogħġbok iċċekkja sew!
Ftakar: L-investigaturi tal-OLAF MA jċemplux u MA jibagħtux emails liċ-ċittadini biex jitolbu jew joffru l-flus!