Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi

Mistoqsijiet Frekwenti

Jien qed nissuspetta li l-flus tal-UE ntużaw b'mod frawdolenti. X'nista' nagħmel?

Ikkuntattja l-OLAF – aħna naċċettaw informazzjoni mingħand kull min jissuspetta frodi jew korruzzjoni li qed taffettwa l-finanzi pubbliċi tal-UE. Jekk inti qed tissuspetta xi ħaġa, tista' tirraporta frodi permezz tal-modi msemmija hawn taħt u l-informazzjoni tiegħek se tiġi ttrattata bl-ikbar kunfidenza. M'hemmx għalfejn tkun ġbart il-provi. Dak huwa r-rwol tal-OLAF.

Kif nista' nikkuntattja l-OLAF?

Inti tista':

X'lingwi nista' nuża sabiex nikkuntattja l-OLAF?

Tista' tuża kwalunkwe lingwa fost it-24 lingwa uffiċjali tal-UE sabiex tikkuntattja l-OLAF.

Nista' nirraporta frodi anonimament?

Iva. Tista' tirrapporta frodi lill-OLAF b'mod anonimu
L-OLAF se jagħmel mill-aħjar li jista' sabiex jirrispetta x-xewqa tiegħek li tibqa' anonimu.
Madankollu, ma jistax jiggarantixxi l-anonimità meta l-każ jgħaddi għand l-awtoritajiet nazzjonali jew dixxiplinarji.
L-istaff tal-UE li jixtieq jagħti informazzjoni dwar irregolaritajiet fid-dipartiment tiegħu (whistleblowers) jista' jirċievi protezzjoni speċjali.

Meta għandi nikkuntattja l-OLAF u x'informazzjoni għandi ngħaddi?

L-iktar kmieni possibbli. Il-każijiet jistgħu jkollhom limitu ta' żmien u tista' tintilef informazzjoni essenzjali jekk l-OLAF ma jkunx notifikat mill-aktar fis possibbli. Aħna nixtiequ nkunu nafu lil min qed tissuspetta u dwar xiex qed tissuspettah. Jekk għandek xi dokumenti li jsostnu l-allegazzjoni tiegħek, bħal korrispondenza jew irċevuti, jekk jogħġbok għaddihomlna wkoll.
Jekk jogħġbok tħallix li n-nuqqas ta' provi jdewmek milli tirraporta t-tħassib tiegħek. L-OLAF għandu timijiet ta' esperti mħarrġa sabiex jinvestigaw il-frodi anki meta jkollhom verament ftit informazzjoni. Jekk tissuspetta frodi, irrapurtaha.

X'jiġri jekk uffiċjal tal-UE jiġi offrut tixħima?

Jekk qed tissuspetta li l-proċeduri tal-għotja ta' kuntratti pubbliċi ma ġewx osservati, jew inti mħasseb dwar rigali lussużi offruti għall-informazzjoni, jew temmen li nsterqu jew ingħataw xi sussidji illegalment, mela jekk jogħġbok ikkuntattja l-OLAF.

Xi tridu tfissru eżattament b'"uffiċjal tal-UE"?

L-uffiċjali tal-UE u l-impjegati taċ-ċivil (il-persunal permanenti, l-aġenti temporanji, l-aġenti lokali u l-aġenti kuntrattwali) li jaħdmu għal:

  • Il-Parlament Ewropew
  • Il-Kunsill tal-UE
  • Il-Kunsill tal-Ewropa
  • Il-Presidenza
  • Il-Kummissjoni Ewropea
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja
  • Il-Qorti tal-Awdituri
  • Il-Bank Ċentrali Ewropew
  • L-aġenziji tal-UE
  • Ir-rappreżentazzjonijiet tal-UE
  • Id-delegazzjonijiet tal-UE

NB: L-OLAF huwa responsabbli mill-investigazzjonijiet ta' frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet finanzjarji mwettqa minn dawk li jaħdmu għal dawn l-istituzzjonijiet tal-UE.

X'inhuma l-pieni li l-OLAF jista' jimponi?

L-OLAF hu servizz ta' amministrazzjoni u investigazzjoni. Jista' biss jirrakkomanda x'azzjoni għandha tittieħed mill-UE jew mill-awtoritajiet nazzjonali wara li jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu.

Fil-qasam finanzjarju: l-OLAF jirrakkomanda li fondi użati ħażin jiġu rkuprati.
Fil-qasam ġudizzjarju: Jekk ikun hemm il-provi ta' att potenzjalment kriminali, l-OLAF jibgħat ir-rapport tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u jirrakkomanda azzjoni legali
Fil-qasam dixxiplinarju: Jekk ir-regoli tal-kondotta professjonali ġew miksura minn uffiċjal tal-UE, il-każ jgħaddi għand bord dixxiplinarju. Il-Kummissjoni Ewropea tħaddan politika ta' tolleranza żero.
Fil-qasam amministrattiv: L-OLAF jista' jirrakkomanda tibdil fil-proċeduri li huma suxxettibbli għall-frodi (pereżempju: il-kundizzjonijiet għat-tweġiba ta' sejħa għall-proposti)

Kif jaħdem l-OLAF mal-Uffiċċju għall-Investigazzjonijiet u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC)?

L-IDOC u l-OLAF jikkumplementaw lil xulxin: iż-żewġ uffiċċji jwettqu investigazzjonijiet/inkjesti interni b'mod indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni.

  • L-OLAF jindirizza suspetti serji ta' mġiba professjonali ħażina fl-istituzzjonijiet/l-entitajiet/l-aġenziji kollha tal-UE, inklużi każijiet b'impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE.
  • L-IDOC jindirizza każijiet oħra ta' mġiba professjonali ħażina u każijiet li jaffettwaw ir-reputazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kummissjoni biss. L-OLAF jgħaddi l-każijiet li jeħtieġu azzjoni dixxiplinarja lill-IDOC.