F'din il-paġna għandek issib l-informazzjoni u l-formoli rilevanti kollha biex tirrapporta frodi lil OLAF.
X'jikkostitwixxi frodi?
Frodi hi att deliberat ta' qerq bl-intenzjoni li wieħed igawdi personalment jew li jikkawża telf lil parti oħra. (Ara aktar fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371.)
Irregolarità hi att li ma jħarisx ir-regoli tal-UE u li jista' jkollu impatt negattiv fuq l-interessi finanzjarji tal-UE, iżda li jista' jkun irriżulta minn żbalji ġenwini magħmula kemm mill-benefiċjarji li jitolbu l-fondi kif ukoll mill-awtoritajiet responsabbli li jagħtu l-pagamenti. Madankollu, jekk xi irregolarità ssir b'mod deliberat din tkun frodi. (Ara aktar fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill 2988/95)
Kif tirrapporta lil OLAF
Tista' tikkuntattjana b'mod anonimu. M'hemmx formalitajiet. Agħtina biss informazzjoni kemm jista' jkun preċiża u dettaljata, inklużi dokumenti meta disponibbli. Tista' tikkomunika ma' OLAF b'waħda minn 24 lingwa uffiċjali tal-UE.
Hu possibbli li wieħed jirrapporta kif ġej:
Onlajn permezz tas-Sistema ta' Notitfika ta' Frodi (anonima, bi trasmissjoni ta' dokumenti siguri) |
Irrapporta bil-posta European Commission |
OLAF jittratta l-protezzjoni tad-dejta personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725. Se nipprovdulek l-informazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta timla l-formola web jew tibgħatilna l-informazzjoni.
Fit-taqsima protezzjoni tad-dejta ta’ dan is-sit web hemm disponibbli informazzjoni ġenerali dwar id-dejta personali f’OLAF.
OLAF jista' jinvestiga allegazzjonijiet ta':
- frodi jew irregolaritajiet serji oħra li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-fondi pubbliċi tal-UE, kemm id-dħul tal-UE, in-nefqa, kif ukoll l-assi miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE.
- imġiba ħażina serja mill-Membri jew mill-persunal tal-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.
OLAF ma jistax jinvestiga allegazzjonijiet ta':
- frodi mingħajr ebda impatt finanzjarju fuq il-fondi pubbliċi tal-UE. Jekk jogħġbok irrapporta tali allegazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
- korruzzjoni li ma tinvolvix il-membri jew il-persunal tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE. Jekk jogħġbok irrapporta tali allegazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
- iċ-ċiberkriminalità, bħal frodi b’pagamenti online, siti tal-kummerċ elettroniku foloz jew scam tal-muniti virtwali. Jekk sfajt vittma taċ-ċiberkriminalità, din il-paġna web tal-Europol tispjega kif tirrapportaha.
- użu qarrieqi tal-logo tal-UE jew l-isem tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Jiena bgħatt allegazzjoni lil OLAF - X’se jiġri issa?
Wara li tkun issottomettejt allegazzjoni lil OLAF, għandek tirċievi konferma tal-wasla tal-messaġġ tiegħek, jekk ikollok indikat indirizz għal tweġiba.
OLAF se janalizza l-allegazzjoni mressqa biex jivverifika għadd ta’ elementi, pereżempju:
- jekk il-kwistjoni taqax fi ħdan il-kompetenza ta’ OLAF biex jaġixxi (kif diskuss fin-naħa ta’ fuq ta’ din il-paġna)
- jekk l-informazzjoni tkunx suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ każ ta’ investigazzjoni jew ta’ koordinazzjoni ta’ OLAF.
Jekk fis-Sistema ta’ Notifika ta’ Frodi indikajt li inti lest li toħloq kont tal-posta elettronika sigura, OLAF jista’ jikkuntattjak biex jikseb kjarifiki u/jew jitolbok aktar informazzjoni.
Wara l-konklużjoni ta’ din il-valutazzjoni inizjali, imsejħa “proċedura tal-għażla”, id-Direttur Ġenerali ta’ OLAF għandu jiddeċiedi jekk jiftaħx investigazzjoni jew le. Jekk ikun determinat li l-kwistjoni li qajjimt ma tissodisfax il-kriterji biex tinfetaħ investigazzjoni, din tiġi miċħuda. Jekk jiġri dan, OLAF jista’ jinfurmak dwar dan, iżda dan ma jsirx b’mod sistematiku.
X’nista’ nistenna jekk OLAF jiftaħ investigazzjoni dwar l-allegazzjoni tiegħi?
Jekk OLAF jiddeċiedi li jiftaħ każ ta’ investigazzjoni jew ta’ koordinazzjoni, l-investigatur assenjat għall-każ jista’ jikkuntattjak għal aktar informazzjoni. Madankollu, jekk jogħġbok innota li jekk ma tkunx ikkuntattjat direttament mill-investigatur, mhu se jkun hemm l-ebda komunikazzjoni minn OLAF matul l-investigazzjoni. Ma hemm l-ebda skeda ta’ żmien speċifika biex jikkuntattjak l-investigatur. Għalhekk inti tista’ tiġi kkuntattjat minnufih jew wara diversi xhur. Sabiex tkun imħarsa l-kunfidenzjalità tal-proċessi investigattivi, OLAF qatt mhu se jipprovdik bl-”istatus” tal-investigazzjoni, taħt ebda ċirkostanza.
Meta tintemm l-investigazzjoni, OLAF jista’ jinfurmak dwar l-azzjoni meħuda, jekk tkun tajtna indirizz ta’ kuntatt.
Membri tal-persunal tal-UE li jirrapportaw frodi
Jekk int membru tal-persunal tal-UE int għandek l-obbligu li tirrapporta każijiet possibbli ta' frodi, korruzzjoni, attivitajiet illegali oħra, jew kondotta professjonali li tista' tfalli serjament milli tħares l-obbligi tal-membri tal-persunal tal-UE.
Tista' tinforma jew lil membru mill-maniġment fl-istituzzjoni tiegħek jew lil OLAF dwar is-suspetti tiegħek. Jekk trid tinforma lil OLAF direttament, segwi l-passi deskritti hawn fuq, taħt l-intestatura Kif tirrapporta lil OLAF.
Għal aktar tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-whistleblowers fl-Istituzzjonijiet tal-UE, jekk jogħġbok ara l-Artikolu 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal.