Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa6 Ġunju 2023L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi5 min qari

Rapport annwali: Investigazzjonijiet tal-OLAF jikxfu aktar minn €600 miljun affettwati minn frodi u irregolaritajiet

A visual displaying OLAF report 2022 with a bridge and bubbles in the background

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 10/2023
PDF version

Fl-2022, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ipproteġa €600 miljun fi flus il-kontribwenti tal-UE billi rrakkomanda l-irkupru ta’ aktar minn €426 miljun mill-baġit tal-UE minn frodi u irregolaritajiet, u billi ssalvagwardja €200 miljun oħra milli jintefqu. L-OLAF waqqaf ukoll għadd ta’ skemi ta’ kuntrabandu, iffalsifikar u frodi doganali, filwaqt li għen biex jiġu infurzati l-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ tal-UE u kompla jfassal politiki biex jipprevjeni u jiġġieled kontra xejriet ta’ frodi li qed jevolvu. Bħal kull sena, l-OLAF investiga wkoll suspetti ta’ mġiba ħażina mill-istaff u mill-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Matul is-sena 2022, l-OLAF ikkonkluda total ta’ aktar minn 250 każ.

Ir-rapport tal-OLAF tal-2022 ippubblikat illum, jipprovdi għarfien dwar ix-xejriet u l-operazzjonijiet ewlenin tas-sena l-oħra. Dawn jinkludu il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-kuntrabandu, il-protezzjoni tal-fondi tal-UE – inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – u l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-frodi biex tiġi protetta l-assistenza finanzjarja tal-UE għall-Ukrajna. Għall-ewwel darba, ir-rapport huwa ppreżentat f’format virtwali interattiv.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF Ville Itälä enfasizza: “L-esperjenza tal-OLAF, l-għarfien espert u l-operazzjonijiet akkumulati jipprovdu riżultati tanġibbli — aħna nipproteġu kemm il-baġit tal-UE kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE. Il-protezzjoni tal-flus tal-kontribwenti tal-UE għall-infrastruttura u d-diġitalizzazzjoni, il-qbid ta’ 531 miljun sigarett ikkummerċjalizzat b’mod illeċitu, l-azzjoni internazzjonali kontra għasel adulterat, u l-irkupru ta’ kważi €3 biljun għall-baġit tal-UE minn każ ta’ dwana  sottovalutata huma biss ftit eżempji tal-ispettru tal-impatt tal-OLAF.

Il-prevenzjoni tibqa’ l-aktar għodda effettiva biex tiġi indirizzata l-frodi. L-OLAF jistinka biex jiżgura li l-assistenza finanzjarja u l-investimenti tal-UE fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi jintefqu kif maħsub. Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-kooperazzjoni hija kruċjali għas-suċċess tagħna u fl-2022 l-OLAF intensifika l-involviment tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-sħab tal-UE. Il-kapaċità tal-OLAF li jipprovdi lill-atturi attivi f’dan il-qasam bl-istampa sħiħa tibqa’ l-kwalità unika u distintiva tagħna, li żżid il-valur għall-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha.”

Il-prestazzjoni investigattiva tal-OLAF fl-2022:

  • L-OLAF ikkonkluda 256 investigazzjoni u ħareġ 275 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti.
  • L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ €426.8 miljun għall-baġit tal-UE, u impedixxa l-infiq mhux dovut ta’ €197.9 miljun.
  • L-OLAF fetaħ 192 investigazzjoni ġdida u kkonkluda 1,017-il analiżi preliminari li saru mill-esperti tal-OLAF.
  • L-OLAF irrapporta 71 każ b’reati kriminali possibbli lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li 16 minnhom ġew rappurtati f’isem il-Kummissjoni Ewropea.

Il-protezzjoni tal-fondi tal-UE

Bħal snin oħra l-investigazzjonijiet tal-OLAF dwar l-infiq tal-fondi tal-UE kienu jinvolvu allegazzjonijiet ta’ kollużjoni, manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist, kunflitti ta’ interess, u rċevuti esaġerati. Xi żidiet fil-frodi mwettqa b’mod diġitali kkonfermaw ukoll xejra li l-OLAF osserva f’dawn l-aħħar snin. Fl-2022, l-OLAF stabbilixxa grupp ta’ esperti ad hoc li jiffoka fuq l-għodod tal-IT kontra l-frodi għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tal-UE u beda jinvestiga każijiet ta’ użu potenzjalment ħażin tal-finanzjament tal-RRF.

It-twaqqif ta’ falsifikaturi u kuntrabandisti

Il-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-kuntrabandu għadha parti ċentrali tal-operazzjonijiet tal-OLAF. Fl-2022, l-OLAF ikkoorganizza jew ipprovda appoġġ għal diversi operazzjonijiet doganali konġunti u azzjonijiet operazzjonali oħra. Dawn l-azzjonijiet għenu biex jiġi żgurat li miljuni ta’ oġġetti ffalsifikati u perikolużi jiġu kkonfiskati qabel ma jkunu jistgħu jintużaw. Xi eżempji jinkludu: mediċini foloz, ġugarelli ffalsifikati u potenzjalment perikolużi, 531 miljun sigarett ikkummerċjalizzat b’mod illeċitu u 14.7 miljun litru ta’ nbid, birra u spirti illeċiti.

Appoġġ lill-Ukrajna u infurzar tas-sanzjonijiet kontra r-Russja

L-2022 rat l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-OLAF ilu jgawdi minn kooperazzjoni  mal-awtoritajiet Ukreni, kemm fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-UE (protezzjoni tal-fondi tal-UE) kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul (kooperazzjoni doganali). Sa mill-bidu tal-gwerra, l-OLAF offra assistenza lill-aġenziji Ukreni ta’ kontra l-frodi biex jgħin fit-tisħiħ u t-titjib tal-istrutturi tal-pajjiż biex jindirizza l-frodi u l-korruzzjoni u biex jipproteġi l-finanzjament attwali u futur tal-UE. L-OLAF kellu wkoll rwol importanti fil-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-UE kontra r-Russja u l-Belarussja wara l-invażjoni tal-Ukrajna, kif spjegat f‘aktar dettall fir-rapport tal-OLAF tal-2022.

Il-ġlieda kontra l-imġiba ħażina

Anke każ wieħed ta’ mġiba irregolari jew frawdolenti mill-istaff tal-UE jew membri tal-istituzzjonijiet tal-UE jkun wieħedżejjed. Iċ-ċittadini tal-UE ġustament jistennew l-ogħla standards ta’ kondotta mill-istituzzjonijiet, il-membri u l-istaff tagħhom. Is-sena l-oħra l-OLAF għalaq 38 investigazzjoni dwar imġiba frawdolenti jew irregolari minn staff u membri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn il-każijiet jiżguraw li l-flus tal-kontribwenti tal-UE jintefqu kif suppost u billi jiżguraw l-ogħla standards ta’ kondotta, jgħinu biex jiddefendu r-reputazzjoni tal-UE kollha kemm hi.

Ir-rapport tal-OLAF 2022 huwa disponibbli fuq is-sit web tal-OLAF, kemm fil-verżjoni interattiva sħiħa tiegħu, kif ukoll il-verżjoni mqassra.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF:
Il-missjoni tal-OLAF hija d-detezzjoni, l-investigazzjoni u t-twaqqif tal-frodi relatata mal-fondi tal-Unjoni.

L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
•    jinvestiga l-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu fondi tal-UE b’mod indipendenti, biex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti tal-UE jaslu lill-proġetti li jistgħu joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;
•    jikkontribwixxi biex il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE tissaħħaħ permezz tal-investigazzjoni ta’ mġiba ħażina mill-istaff tal-UE u mill-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
•    jiżviluppa politika tal-UE soda kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma’ reati oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’:
•    in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji ewlenin tan-nefqa huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali,
in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
•    xi oqsma ta’ dħul tal-UE, l-aktar id-dazji tad-dwana;
•    suspetti ta’ mġiba ħażina serja mill-istaff tal-UE u minn membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE.

Ladarba l-OLAF jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-UE, jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jeżaminaw u jiddeċiedu x’azzjoni tittieħed fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-persuni kkonċernati kollha jitqiesu innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja f’qorti tal-ġustizzja nazzjonali jew tal-UE kompetenti.
 

Għal aktar dettalji:

Kirill GELMI
Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-88146  
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
https://anti-fraud.ec.europa.eu
Twitter: @EUAntiFraud

Theresa ZAHRA
Viċi Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32 (0)2 29-57270   
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
https://anti-fraud.ec.europa.eu
Twitter: @EUAntiFraud

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
6 Ġunju 2023
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release