Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa18 Ġunju 2024L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi4 min qari

L-investigazzjonijiet tal-OLAF jiżvelaw EUR 1.2 biljun affettwati minn frodi u irregolaritajiet

©EU

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 9/2024
PDF version

Fl-2023, l-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) stabbilew li aktar minn EUR 1 biljun ta’ flus il-kontribwenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu rkuprati minn każi suspettati ta’ frodi u irregolaritajiet. Il-ħidma tal-investigaturi tal-OLAF wasslet ukoll sabiex EUR 209 miljun oħra ma jintefqux bla bżonn. Matul is-sena 2023, l-OLAF għalaq 265 każ. Ir-rapport annwali tal-OLAF li qed jkun ippubblikat illum, jipprovdi ħarsa lejn ir-riżultati, ix-xejriet u l-operazzjonijiet ewlenin tal-OLAF matul is-sena l-oħra. 

Minbarra l-fondi tal-UE li spiċċaw f’idejn żbaljati, l-OLAF segwa t-traċċi ta’ frodaturi doganali, kuntrabandisti u falsifikaturi filwaqt li għen fl-infurzar tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ tal-UE u fis-sanzjonijiet b’appoġġ għall-Ukrajna. L-OLAF kompla jiżviluppa politiki għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra xejriet ta’ frodi li qed jevolvu u investiga wkoll suspetti ta’ mġiba ħażina mill-persunal jew mill-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-prestazzjoni investigattiva tal-OLAF fl-2023:

  • L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ €1.04 biljun għall-baġit tal-UE.   
  • L-OLAF impedixxa EUR 209.4 miljun milli jintefqu bla bżonn mill-baġit tal-UE. 
  • L-OLAF ikkonkluda 265 investigazzjoni u ħareġ 309 rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE għas-segwitu neċċessarju.  
  • L-OLAF fetaħ 190 investigazzjoni ġdida, wara li  esperti tal-OLAF kkonkludew 1178 analiżi preliminari
  • L-OLAF irrapporta lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) 79 każ li possibilment jinkludu reati kriminali. 

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF Ville Itälä qal: “L-2023 kienet dwar il-ġlieda kontra l-frodi fuq il-fronti kollha. Dan ir-rapport fih bosta eżempji ta’ każijiet li fihom l-OLAF u s-sħab tiegħu ħadmu flimkien biex jgħinu jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, iċ-ċittadini, l-ekonomija u l-istat tad-dritt. 

Flimkien mal-mandat investigattiv indipendenti tiegħu, l-OLAF għandu rwol politiku importanti — fl-2023, l-OLAF ikkoordina l-pjan ta’ azzjoni l-ġdid tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea Kontra l-Frodi. Aħna nemmnu li l-prevenzjoni tibqa’ l-aktar għodda effettiva fl-indirizzar tal-frodi.

Hekk kif qegħdin nippreżentaw dan ir-rapport, l-OLAF jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu. Matul dawn is-snin l-OLAF segwa biljuni ta’ euro li setgħu intilfu minħabba frodi u irregolaritajiet li kieku ma kienitx għal ħidma tagħna. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ebda waħda mill-kisbiet fir-rapport, jew matul dawn l-aħħar 25 sena, ma kienet tkun possibbli mingħajr il-ħidma tal-persunal tal-OLAF. L-aktar riżorsi prezzjużi tagħna huma l-investigaturi, l-esperti tal-IT, l-analisti forensiċi u tad-data, l-avukati u l-esperti legali u tal-politika.”

L-OLAF eżamina l-allegazzjonijiet ta’ kollużjoni, il-manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist, il-kunflitti ta’ interess, u listimi u kontijiet esaġerati. Sadattant, kompliet ukoll ix-xejra ta’ aktar frodi u irregolaritajiet li qed jitwettqu b’mod diġitali. L-eżempji tal-investigazzjonijiet tal-OLAF għall-protezzjoni ta’ flus il-kontribwenti ewropej fl-oqsma kollha tan-nefqa tal-UE, ivarjaw mill-finanzjament reġjonali għall-agrikoltura u r-riċerka. L-OLAF wettaq investigazzjonijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE u f’pajjiżi terzi.

Fil-qasam tad-dwana, l-OLAF identifika tentattivi ta’ abbuż tal-proċeduri ta’ tranżitu doganali, l-evażjoni tad-dazji fir-rigward ta’ ‘anti-dumping’, il-frodi tal-oriġini, u s-sottovalutazzjoni tal-merkanzija. L-OLAF ħadem ukoll ma’ diversi imsieħba biex iwaqqaf it-traffikar ta’ diversi prodotti, fosthom: nofs miljun ġugarelli foloz u potenzjalment perikolużi, 6 miljun litru ta’ nbid, birra u spirti illeċiti, mediċini foloz u eluf ta’ tunnellati ta’ skart illeċitu. Fl-2023 l-OLAF ġie ppreżentat premju internazzjonali min-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rikonoxximent tal-ħidma  li timpedixxi l-kummerċ illegali ta’ gassijiet serra li jagħmlu ħsara lill-klima. 

Is-sena l-oħra l-OLAF għalaq ukoll 44 investigazzjoni dwar imġiba irregolari minn persunal jew membri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn l-investigazzjonijiet jiżguraw li kulħadd jinżamm responsabbli għall-ogħla standards ta’ kondotta, kif jistennew bi dritt iċ-ċittadini tal-UE, u jgħinu biex jipproteġu r-reputazzjoni tal-UE kollha kemm hi.

L-OLAF jaħdem mill-qrib mas-sħab tiegħu f’organizzazzjonijiet oħra tal-UE, f’awtoritajiet nazzjonali fl-UE u f’pajjiżi terzi, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-konnessjoni tal-punti kollha hija kruċjali għaxil-frodi ma jieqfux mal-fruntieri u l-ġurisdizzjonijiet. In-network ta’ sħab tal-OLAF jilħaq l-irkejjen kollha tad-dinja u jikber kull sena — fl-2023 l-OLAF iffirma ftehim ġdid mal-awtoritajiet fl-Istati Uniti, fl-Ukrajna, u mal-Grupp tal-Bank Dinji.

Ir-rapport tal-OLAF 2023 huwa disponibbli fuq is-sit web tal-OLAF, kemm fil-verżjoni interattiva sħiħa tiegħu kif ukoll fil-verżjoni qasira.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF:
Il-missjoni tal-OLAF hija d-detezzjoni, l-investigazzjoni u t-twaqqif tal-frodi relatata mal-fondi tal-Unjoni.

L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
•    jinvestiga l-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu fondi tal-UE b’mod indipendenti, biex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti tal-UE jaslu lill-proġetti li jistgħu joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;
•    jikkontribwixxi biex il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE tissaħħaħ permezz tal-investigazzjoni ta’ mġiba ħażina mill-istaff tal-UE u mill-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
•    jiżviluppa politika tal-UE soda kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma’ reati oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’:
•    in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji ewlenin tan-nefqa huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali,
in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
•    xi oqsma ta’ dħul tal-UE, l-aktar id-dazji tad-dwana;
•    suspetti ta’ mġiba ħażina serja mill-istaff tal-UE u minn membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE.

Ladarba l-OLAF jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-UE, jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jeżaminaw u jiddeċiedu x’azzjoni tittieħed fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-persuni kkonċernati kollha jitqiesu innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja f’qorti tal-ġustizzja nazzjonali jew tal-UE kompetenti.
 

Għal aktar dettalji:

Kirill GELMI
Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-88146  
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
https://anti-fraud.ec.europa.eu
X: @EUAntiFraud
LinkedIn: European Anti-Fraud Office (OLAF)

Theresa ZAHRA
Viċi Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32 (0)2 29-57270   
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
https://anti-fraud.ec.europa.eu
X: @EUAntiFraud
LinkedIn: European Anti-Fraud Office (OLAF)

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Ġunju 2024
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release