Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa3 Settembru 2019L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi3 min qari

L-OLAF fl-2018: l-investigazzjonijiet fuq skala kbira itemmu l-iskemi ta’ frodi transfruntiera, iwaqqfu l-kriminalità organizzata

03/09/2019

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 07/2019

PDF version (209.57 KB)

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kompla jagħmel pressjoni investigattiva qawwija fl-2018, u ffoka l-isforzi tiegħu fuq l-oqsma fejn seta’ jġib l-ogħla valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej: każijiet kumplessi u transnazzjonali li mhux possibbli li jiġu indirizzati biss mill-awtoritajiet nazzjonali.  Kemm fil-qasam tal-Fondi Strutturali, tad-Dwana kif ukoll tan-Nefqa Diretta, l-għarfien espert uniku tal-OLAF u tat-tim tiegħu ta’ investigaturi, ta’ esperti forensiċi u ta’ analisti kkwalifikati ħafna għenu lill-Uffiċċju jsolvi anki l-aktar każijiet diffiċli, u jwaqqaf lill-kriminali organizzati milli jiffrodaw il-baġit tal-UE.

“Ir-riżultati tal-OLAF juru li l-ħidma tagħna qed tagħmel differenza. Mhux biss qed nipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, iżda wkoll is-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej,” qal id-Direttur Ġenerali tal-OLAF Ville Itälä.

Il-prestazzjoni investigattiva tal-OLAF fl-2018 f’ċifri:

  • L-OLAF ikkonkluda 167 investigazzjoni, filwaqt li ħareġ 256 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE kompetenti
  • L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ EUR 371 miljun għall-baġit tal-UE
  • L-OLAF fetaħ 219-il investigazzjoni ġdida, wara 1259 analiżi preliminari li saru mill-esperti tal-OLAF

Xejriet fl-investigazzjonijiet ta’ kontra l-frodi:

Id-dimensjoni transnazzjonali ta’ xogħlu tippermetti lill-OLAF jifforma perspettiva unika tan-natura dejjem tinbidel tal-frodi madwar l-Ewropa. Għalhekk, l-OLAF ħa l-opportunità li jippreżenta analiżi ta’ xi wħud mill-aktar xejriet evidenti żvelati mill-investigazzjonijiet tiegħu:

  • Twaqqif ta’ kumpaniji foloz u ħabi ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali ffalsifikati sabiex jinkisbu fondi tal-UE
  • Frodi fil-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli, fejn il-flus ta’ spiss jiġu maħsula permezz ta’ pajjiżi terzi
  • L-evażjoni tad-dazji doganali, orkestrata permezz ta’ skemi kriminali transnazzjonali

L-OLAF jipproteġi l-flus tal-UE mill-kriminalità organizzata

Ir-Rapport ta’ din is-sena jiffoka wkoll fuq il-modi kif l-OLAF ixejjen il-pjanijiet tal-kriminali organizzati li jippruvaw jieħdu flus tal-UE. Meta niġu għall-ġlieda kontra każijiet ta’ frodi kumplessi mwettqa minn kriminali organizzati ħafna, l-esperjenza hija utli. L-investigaturi tal-OLAF mhux biss huma ddedikati, iżda għandhom ukoll snin ta’ prattika warajhom. Dan jgħinhom jidentifikaw malajr il-mudelli u japplikaw l-għarfien tagħhom biex isolvu l-każijiet aktar malajr u biex jidentifikaw l-oqsma l-ġodda tal-frodi.

Kontribut għall-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-frodi

Minbarra l-ħidma investigattiva tiegħu, l-OLAF għandu rwol attiv fl-iżvilupp tal-politiki kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2018, l-OLAF kien strumentali fl-iżvilupp tal-Istrateġija ġdida Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni, u se jkun dak li jmexxi l-implimentazzjoni tagħha. L-istrateġija tipproponi analiżi mtejba tad-data għall-miżuri ta’ politika kontra l-frodi bbażati fuq l-evidenza, kif ukoll analiżi aktar komprensiva tar-riskji ta’ frodi li għandhom iwasslu għal użu aħjar tal-kontrolli kontra l-frodi.

Għodod aħjar, adatti għal xenarju kontra l-frodi li qed jevolvi

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat ukoll proposta biex temenda l-bażi ġuridika tal-OLAF. Il-Kummissjoni pproponiet li tissaħħaħ l-ammissibbiltà tal-evidenza tal-OLAF fil-qrati nazzjonali, li l-OLAF jingħata aċċess għall-kontijiet bankarji, li jiġu ffaċilitati l-kontrolli fuq il-post u li l-Uffiċċju jingħata l-għodod meħtieġa biex jissodisfa l-mandat tiegħu fil-qasam tal-VAT. L-emenda għandha l-għan li tiżgura li l-OLAF ikun kapaċi jaħdem flimkien mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) il-ġdid, li jikkomplementa l-ħidma tal-UPPE għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej.

Biex taqra r-rapport sħiħ, jekk jogħġbok agħfas hawnhekk.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF:
Il-missjoni tal-OLAF hija dik li tidentifika, tinvestiga u twaqqaf il-frodi tal-fondi tal-UE.

L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
• iwettaq investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni involuti fil-fondi tal-UE, biex ikun żgurat li l-flus kollha tal-kontribwenti jilħqu proġetti bil-potenzjal li joħolqu impjiegi u tkabbir fl-Ewropa;
• jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE billi jinvestiga kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u l-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
• jiżviluppa politika soda tal-UE kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma’ reati oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE dwar:
• l-infiq kollu tal-UE: il-kategoriji ewlenin tal-infiq huma l-Fondi Strutturali, il-politika agrikola u l-fondi
tal-iżvilupp rurali, l-infiq dirett u l-għajnuna esterna;
• xi oqsma tal-introjtu tal-UE, l-iktar id-dazji doganali;
• suspetti ta’ kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u mill-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Għal aktar dettalji:

Jana CAPPELLO     
Kelliem, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)  
Telefown: +32 2 29 85549      
Posta elettronika: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)  
http://ec.europa.eu/anti_fraud   
Twitter: @OLAFPress  

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
3 Settembru 2019
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release