Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa10 Ġunju 2021L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi5 min qari

OLAF fl-2020: niġġieldu l-frodi, inħarsu lill-Ewropej

10/06/2021

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 12/2021

PDF version (265.7 KB)

Waħda mill-attivitajiet li kkaratterizzaw l-2020 tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (l-OLAF) kienet ħidma essenzjali biex iħares liċ-ċittadini Ewropej minn tagħmir mediku falz jew inferjuri relatat mal-pandemija tal-coronavirus. Wara li adatta l-metodi ta’ ħidma tiegħu għall-isfida kkaġunata mil-lockdown u mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, l-OLAF issokta l-investigazzjonijiet tiegħu biex jipproteġi lill-baġit tal-UE minn skemi ta’ frodi kumplessi, mill-iffalsifikar, mill-kuntrabandu, mill-korruzzjoni u mill-kunflitti ta’ interess. L-OLAF għalaq aktar minn 200 investigazzjoni u rrakkomanda l-irkupru ta’ aktar minn €293 miljun, li jfisser li baqa’ jiżgura li l-flus tal-UE jintefqu kif u fejn ikun maħsub li jintefqu - għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

F’kummenti dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-OLAF għall-2020, id-Direttur Ġenerali Ville Itälä qal: “L-2020 kienet sena unika għal bosta raġunijiet, iżda l-investigazzjonijiet tal-OLAF kixfu l-mudelli ta’ kollużjoni, ta’ kunflitt ta’ interess, ta’ tbagħbis ta’ offerti, ta’ ħasil ta’ flus u oħrajn li naraw kull sena - prova ċara li pandemija ma waqqfitx il-frodaturi potenzjali. Fil-fatt, il-virus ħoloq opportunitajiet ġodda biex isir frodi - partikolarment is-suq profittabbli tal-prodotti foloz jew inferjuri bħal maskri tal-wiċċ jew sanitizzaturi tal-idejn - kif ukoll sfidi ġodda għall-OLAF fl-2020. Kburi ferm li l-kollegi tiegħi fl-OLAF adattaw ruħhom biex jegħlbu dawk l-isfidi, wrew reżiljenza, kreattività u flessibbiltà biex jibqgħu jaħdmu b’mod kemm jista’ jkun normali, biex b’hekk l-Ewropej jibqgħu sikuri minkejja l-isfidi kollha li ġabet magħha l-pandemija.”

Il-kisbiet investigattivi tal-OLAF matul l-2020:

  • L-OLAF għalaq 230 investigazzjoni, ħareġ 375 rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE rilevanti
  • L-OLAF irrakkomanda li jiġi rkuprat ammont ta’ €293,4 miljun għall-baġit tal-UE
  • L-OLAF fetaħ 290 investigazzjoni ġdida, wara 1 098 analiżi preliminari mwettqa minn esperti tal-OLAF

Xejriet fl-investigazzjonijiet kontra l-frodi:

Ir-rapport annwali juri li minbarra prodotti mediċi u tagħmir ta’ protezzjoni personali foloz marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, matul l-2020 l-investigaturi tal-OLAF kixfu għadd ta’ xejriet oħrajn ta’ attivitajiet frawdolenti. Dawn jinkludu:

  • Kunflitti ta’ interess u kollużjoni bejn benefiċjarji u kuntratturi, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku
  • Fatturi foloz jew eżaġerati, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess mmirati fuq il-finanzjament għall-iżvilupp agrikolu u rurali, li ta’ sikwit kienu assoċjati mal-ħasil ta’ flus
  • Frodi fuq finanzjament għal riċerka
  • Kuntrabandu ta’ sigaretti u tabakk
  • Frodi li tolqot l-ambjent u l-bijodiversità

Tentattivi ta’ frodi li jiswew il-miljuni

Bħal fis-sena ta’ qabel, waħda mix-xejriet ewlenin li ġew identifikati mill-OLAF fl-2020 kienet dik fejn frodaturi jbagħbsu l-proċess ta’ akkwist u ta’ offerti biex jitfgħu fondi tal-UE f’buthom. Ta’ spiss il-mekkaniżmi ta’ frodi jinfirxu fuq diversi Stati Membri tal-UE u jinvolvu skemi kumplessi għall-ħasil tal-profitt illeċitu. F’każ minnhom li kien jinvolvi lir-Rumanija, lill-Italja, lill-Belġju u lil Spanja, l-OLAF irrakkomandat l-irkupru ta’ €25 miljun. Flus li kellhom imorru għal infrastruttura tat-toroq minflok ġew maħsula permezz ta’ kumpaniji interkonnessi u ħlasijiet għal servizzi fittizji - u fl-ewwel lok ingħataw permezz ta’ konnessjoni suspettuża li nkixfet mill-OLAF fl-awtoritajiet nazzjonali. Ir-rapport annwali fih eżempji oħra li jinkludu l-frodi fuq ir-riċerka, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-fondi soċjali. F’uħud mill-każijiet, l-OLAF kixef kif fondi tal-UE kienu ntalbu b’mod frawdolenti abbażi ta’ dokumenti foloz, filwaqt li bosta kienu assoċjati ma’ ħasil ta’ flus.

Il-ħarsien tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent

Hekk kif il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal żieda għal għarrieda u enormi fid-domanda għal tagħmir ta’ protezzjoni personali, il-falsifikaturi raw opportunitajiet ġodda. L-OLAF kienet ilha ssegwihom minn Marzu 2020, u sal-lum identifikat aktar minn 1,000 operatur suspettuż u għenet biex inqabdu miljuni ta’ oġġetti inferjuri jew foloz relatati mal-pandemija - partikolarment maskri tal-wiċċ iżda wkoll sanitizzaturi tal-idejn u kits għall-ittestjar. Xogħol l-OLAF huwa wkoll li jħares is-saħħa u s-sikurezza u għaldaqstant l-operazzjonijiet tal-OLAF, flimkien ma’ sħabha, biegħdu ikel u xorb foloz mill-konsumaturi tal-UE - pereżempju, operazzjoni minnhom intemmet bil-qbid ta’ madwar 1,3 miljun litru ta’ nbid u xarbiet alkoħoliċi. Ir-radar tal-OLAF iffoka wkoll fuq l-ambjent hekk kif il-frodaturi u l-kuntrabandisti żiedu l-enfasi tal-mudell kif jaħdmu fuq il-qasam ambjentali. L-OLAF ta s-sehem tiegħu fil-qbid ta’ pestiċidi illeċiti kif ukoll biex diversi tunnellati ta’ gassijiet refriġeranti illeċiti (HFC) inżammu barra mill-UE. Li kieku fl-2020 ma ġietx imblukkata, grazzi wkoll għal għajnuna mill-OLAF, tagħbija ta’ 14-il tunnellata ta’ HFC, l-impatt ambjentali kien ikun daqs dak ta’ 38 titjira bir-ritorn minn Amsterdam għal Sydney.

Sigaretti u tabakk minn barra u minn ġewwa l-Unjoni

Il-prodotti tat-tabakk li jinqabdu mill-OLAF kull sena jirrappreżentaw sehem kbir mill-merkanzija falza jew b’kuntrabandu. Fl-2020 l-OLAF u l-entitajiet sħab qabdu total ta’ kważi 370 miljun sigarett li kienu joriġinaw minn barra l-UE u li kien ippjanat li jinbiegħu illegalment fl-UE. Fl-istess waqt, l-OLAF iħabrek ferm biex jindirizza l-falsifikaturi li jiffokaw fuq il-produzzjoni illegali ta’ sigaretti ġewwa l-UE. Operazzjoni fuq tliet snin bejn 10 pajjiżi wasslet biex jinqabdu 95 miljun sigarett illegali u 300 tunnellata tabakk, b’aktar minn 200 arrest u filwaqt li ġie skansat ammont stmat ta’ €80 miljun fi ħsara finanzjarja. L-OLAF kien involut ukoll fi tliet operazzjonijiet ewlenin li jikkonċernaw tabakk tal-pipa tal-ilma, prodott li f’dawn l-aħħar snin qed isir aktar popolari fost il-kuntrabandisti.

Biex taqra r-rapport sħiħ, jekk jogħġbok agħfas hawnhekk.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF:

Il-missjoni tal-OLAF hija li jikxef, jinvestiga u jwaqqaf il-frodi relatata mal-fondi tal-Unjoni.

L-OLAF jaqdi l-missjoni tiegħu billi:
•    jinvestiga l-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu fondi tal-UE b’mod indipendenti, biex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti tal-UE jaslu lill-proġetti li jistgħu joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;
•    jikkontribwixxi biex il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istituzzjonijiet tal-UE tissaħħaħ permezz tal-investigazzjoni ta’ mġiba ħażina mill-persunal tal-UE u mill-membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE;
•    jiżviluppa politika tal-UE soda kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma’ reati oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’:
•    in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji ewlenin tan-nefqa l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola
u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
•    xi oqsma ta’ dħul tal-UE, l-aktar id-dazji tad-dwana;
•    suspetti ta’ mġiba ħażina serja mill-persunal tal-UE u minn membri tal-Istituzzjonijiet tal-UE.

Ladarba l-OLAF jikkonkludi l-investigazzjoni tiegħu, hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-UE, jew tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jeżaminaw u jiddeċiedu x’azzjoni tittieħed fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-persuni kkonċernati kollha jitqiesu innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja f’qorti tal-ġustizzja nazzjonali jew tal-UE kompetenti.

Għal aktar dettalji:

Jana CAPPELLO
Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-85549
Posta elettronika: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti-fraud
Twitter: @EUAntiFraud

Chris JONES
Viċi Kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
Telefon: +32(0)2 29-91606
Posta elettronika: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti-fraud
Twitter: @EUAntiFraud

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Ġunju 2021
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release