Mur għall-kontenut ewlieni
European Anti-Fraud Office
Irrapporta frodi
Stqarrija għall-istampa1 Settembru 2016L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi4 min qari

L-investigaturi doganali tal-UE għandhom għodod ġodda, b’saħħithom għall-ġlieda kontra l-frodi

01/09/2016

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA Nru 16/2016

PDF version (190.83 KB)

Immaġina dan ix-xenarju — l-Unjoni Ewropea timponi dazji antidumping għal prodott partikolari, nuċċalijiet tax-xemx, pereżempju, li jiġu minn pajjiż Asjatiku. F’daqqa waħda, ikun hemm tnaqqis kbir f’dawn l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, iżda żieda sinifikanti ta' nuċċalijiet tax-xemx li jiġu importati minn Stat ġar. Koinċidenza biss? Mhux għall-investigaturi tal-OLAF, li, b’aċċess għal għodod elettroniċi avvanzati, setgħu jirrealizzaw li dan huwa pjan minn kuntrabandisti biex joħorġu minn ħlas ta’ dazji skont l-oriġini tal-oġġetti ddikjarati b’mod falz.

F’tali każijiet transnazzjonali, l-aċċess għal informazzjoni kompleta dwar ir-rotta ta’ konsenja partikolari huwa kruċjali. Mill-1 ta’ Settembru, l-investigaturi doganali madwar l-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jużaw għodod ġodda elettroniċi biex tiġi miġġielda l-frodi doganali b’mod aktar effettiv. Permezz ta’ aġġornament tar-regoli doganali, l-awtoritajiet se jkollhom aċċess għal sistemi tal-IT ġodda li jirreġistraw movimenti fiżiċi ta’ kontejners li jinġarru abbord bastimenti marittimi u jiġbru informazzjoni dwar prodotti li jidħlu, jgħaddu u joħorġu mill-UE. Dawn l-istrumenti ġodda se jippermettu lill-UE u l-Istati Membri tagħha li jsegwu u jintraċċaw b'mod aħjar konsenji suspettużi u jidentifikataw il-frodi doganali.

“Il-frodi doganali hija ta’ piż fuq il-baġits pubbliċi u jeħtieġ li din tiġi miġġielda b’rispons effettiv u għaqli”, qalet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Kristalina Georgieva, filwaqt li laqgħat l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda. “Bis-saħħa tal-għodod ġodda tal-IT, l-awtoritajiet pubbliċi se jkunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw din l-isfida mingħajr ma jfixklu l-kummerċ leġittimu” żiedet tgħid.

Il-frodi doganali — pereżempju, id-dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini tal-prodott, is-sottovalutazzjoni, jew deskrizzjoni ħażina tal-oġġetti waqt l-importazzjoni — tikkawża ħsara sinifikanti lill-interessi finanzjarji tal-UE. Minħabba n-natura transnazzjonali ta’ dan il-frodi, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali hija essenzjali.

Fil-prattika, il-leġiżlazzjoni emendata applikabbli mil-lum tat lok għall-ħolqien ta’ żewġ bażijiet ta’ data ġodda. L-investigaturi issa se jkollhom aċċess għal direttorju ta’ Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejner li jiġbor il-messaġġi li jirreġistraw iċ-ċaqliq ta’ kontejners li jinġarru abbord bastimenti marittimi. Id-direttorju se jkun fih messaġġi direttament ipprovduti minn trasportaturi marittimi. Bl-istess mod ġie żviluppat ukoll, direttorju tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Tranżitu, li fih data dwar prodotti li jidħlu, jgħaddu u joħorġu mill-UE. Data dwar esportazzjonijiet li se tinġabar hija limitata għal prodotti sensittivi, bħat-tabakk, l-alkoħol u karburanti. L-uffiċjali tad-dwana kif ukoll l-uffiċċju tal-UE ta’ kontra l-frodi, l-OLAF għandu jkun jista’ jivverifika informazzjoni mingħand iż-żewġ bażijiet ta’ data biex jidentifikaw tendenzi ta’ frodi potenzjali. Dawn l-għodod ġodda se jsaħħu l-kapaċitajiet analitiċi tal-awtoritajiet doganali nazzjonali u l-OLAF biex jiskopru operazzjonijiet frawdolenti.

Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni emendata ser tgħin biex jitħaffu l-investigazzjonijiet tal-OLAF billi tistabbilixxi skadenzi għall-Istati Membri biex jipprovdu dokumenti relatati mal-investigazzjoni. Hija ser tiffaċilita wkoll l-użu ta’ informazzjoni miksuba abbażi ta’ assistenza reċiproka bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali.

Sfond:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE imsemmija hawn fuq tipprovdi bażi legali għall-assistenza reċiproka u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, dwar kwistjonijiet relatati mad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ frodi doganali. Fuq l-istess bażi legali, l-OLAF u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kif ukoll f’ċerti pajjiżi terzi, regolarment ikollhom Ħidmiet Doganali Konġunti.

Il-missjoni, il-mandat u l-kompetenzi tal-OLAF

Il-missjoni tal-OLAF hija li jidentifika, jinvestiga u jwaqqaf frodi li jikkonċerna fondi tal-UE.

L-OLAF iwettaq il-missjoni tiegħu billi:

  • iwettaq investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu l-fondi tal-UE sabiex jiżgura li l-flus tal-kontribwenti fl-UE jilħqu proġetti li jistgħu jistimulaw il-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir fl-Ewropa;
  • jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE billi jinvestiga kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE;
  • jiżviluppa politika soda tal-UE kontra l-frodi.

Fil-funzjoni investigattiva indipendenti tiegħu, l-OLAF jista’ jinvestiga kwistjonijiet relatati ma’ frodi, korruzzjoni u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE dwar:

  • in-nefqa kollha tal-UE: il-kategoriji prinċipali ta’ nfiq huma l-Fondi Strutturali, il-fondi tal-politika agrikola u l-iżvilupp rurali, in-nefqa diretta u l-għajnuna esterna;
  • xi oqsma ta’ dħul tal-UE, prinċipalment dazji doganali;
  • suspetti ta’ kondotta ħażina serja mill-persunal tal-UE u Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

 

Għal aktar dettalji
Alina BUREA                                                        
Kelliem                                                      
L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)                      
Telefon: +32(0)2 29-57336                                 
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)                           
http://ec.europa.eu/anti-fraud     

Silvana ENCULESCU
Assistent kelliem
L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)  
Telefon: +32(0)2 29-81764
Email: olaf-mediaatec [dot] europa [dot] eu (olaf-media[at]ec[dot]europa[dot]eu)
http://ec.europa.eu/anti-fraud

Headline image: iStock.com/vale_t

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
1 Settembru 2016
Awtur
L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
News type
  • OLAF press release